MLI Blog

The MLI Blog is intended to inform you about the latest news relating to our courses and events. Furthermore, the curated articles are a source of additional knowledge and education in management and leadership, education, health and social care, and personal development.

Il-Fiduċja

6th June, 2019

‘Bħal San Tumas’

San Tumas ma emminx li Ġesu’ deher lid-dixxipli wara l-qawmien mill-imwiet u l-vanġelu jgħid li qalilhom li biex jemmen irid jara. Il-fiduċja hija waħda mill-ewwel emozzjonijiet, jekk nistgħu nsejħulha hekk li nitgħallmu fil-bidu tal-ħajja tagħna. Ma nitgħallmux nafdaw konxjament, imma din tinbena fuq ir-relazzjoni ta’ mħabba bejn l-omm, l-missier u t-tarbija. Jgħaddi ż-żmien u din il-fiduċja tikber jew tiċkien skont ir-relazzjonijiet u l-esperjenzi li ngħaddu minnhom. Aktar ma mweġġgħu wisq probabbli aktar ma ma nafdawx. Jekk ningidmu noqogħdu attenti li ma ningidmux darbtejn.

L-akbar fiduċja tintwera meta aħna nemmnu u ma narawx. Sfortunatament fid-dinja tal-lum din il-fiduċja qiesa naqset u aktar qegħdin insiru bħal San Tumas u nemmnu biss jekk naraw. Dan mhux kwistjoni ta’ reliġjon imma kwistjoni tar-relazzjonijiet li aħna nibnu kull ġurnata. Jekk ma narawx u ma nħossux allura ma nemmnux. In-naħa l-pożittiva ta’ dan huwa li aħna sirna naħsbu, ma nibilgħux kollox u tgħallimna nistaqsu mistoqsijiet biex nagħrfu u nifhmu aħjar dak li jseħħ madwarna u nkunu nistgħu nagħmlu deċiżjoni aktar infurmata. Min-naħa n-negattiva dan qiegħed iwassalna biex nistaqsu fuq kollox, niddubittaw ir-realta’ ta’ madwarna u kultant ma nintelqux u nafdaw.

Li nistaqsu u ma nibilgħux kollox jgħinna biex nagħrfu affarijiet ġodda madwarna u nkunu dejjem miftuħin biex nitgħallmu ħwejjeġ ġodda u teħodna fi vjaġġ tal-iskoperta’ ta’ ħwejjeġ li qatt ma ltqajna magħhom kemm fina, fl-oħrajn kif ukoll madwarna. ‘Il-mistoqsija hija oħt il-għerf’. Li tistaqsi żżejjed iwassalna biex ma nafdawx, biex ma nemmnux fir-riżultati li nkunu ksibna. Din in-nuqqas ta’ fiduċja turi ruħha fuq tliet livelli:

  1. Fuqna nfusna: biex tafda lil ħaddieħor l-ewwel trid tafna lilek nnifsek. Tafda lilek nnifsek ifisser li tkun inti nnifsek, mingħajr maskri (tista’ tgħoġob lil ħaddieħor jew le) miegħek nnifsek, taċċetta lilek nnifsek kif inti.

  2. Mal-oħrajn: meta tafda lilek nnifsek se tafda aktar lill-ħaddieħor iżda mhux neċessarjament. Din il-fiduċja tibbaża ħafna ruħha skont min hi l-persuna: jekk hux persuna viċina bħal ‘partner’ jew ħabib/a jew kollega. Il-varjazzjoni tal-livelll ta’ fiduċja jiddependi ħafna xinhi r-relazzjoni li aħna għadna ma dik il-persuna. Biss jekk ma tafdax lilek nnifsek, lanqas lil ħaddieħor ma tista’ tafda.

  3. F’Alla: ma tistax ma tafdax lilek nnifsek u lill-oħrajn u tafda f’Alla. Filwaqt li tista’ temmen li Alla huwa tjubija u ħniena, min-naħa l-oħra l-fidi tinbena fuq kemm hija qawwija l-fiduċja tagħna fina nfusna u fl-oħrajn. Huwa aktar diffiċli tafda dak li ma tarax milli dak li tara.

Li tafda huwa sabiħ għax jiftħek għall-oħrajn u għall-ħajja. Il-fiduċja tgħinna biex nibnu relazzjonijiet bilanċjati u tagħtina l-possibilita’ li nifhmu aħjar kemm lilna nfusna u kif wkoll il-oħrajn.