MLI Blog

The MLI Blog is intended to inform you about the latest news relating to our courses and events. Furthermore, the curated articles are a source of additional knowledge and education in management and leadership, education, health and social care, and personal development.

It-Tpattija u l-Ilsien Ħażin

6th June, 2019

Ħmistax-il qrajna ir-rakkont fejn David iddeċieda li ma jmissix u ma jpattihiex lil Sawl anke jekk kellu ċ-ċans billi urieh li seta’ joqtlu u ma qatlux. Ġimgħa ilu qrajna fil-vanġelu tal-Ħadd li aħjar naraw it-travu f’għajnejna milli t-tibna ta’ ħaddieħor. Dawn il-grajjiet u l-kliem inkitbu aktar minn 2000 sena ilu biss qiesu iċ-ċivilta’ marret lura. Dak li jiġri llum kemm fuq il-midja soċjali, il-mod ta’ kif jitkellmu ċerti setturi tas-soċjeta’ inklużi l-politiċi u dawk li suppost jgħallmu lil poplu qed jagħmel inġustizzja kbira mad-dinjita’ tal-bniedem. Dan il-hate speech kif qed qegħdin insejħulu llum ma jagħti l-ebda ġieħ lis-sbuħija tal-bniedem.

Il-bniedem matul iż-żmien stabilixxa ruħu bħala l-aktar ħlejqa li kapaċi tadatta, tifhem, tirraġuna imma qiesu aktar ma jgħaddi ż-żmien din il-ħlejqa qegħda ssir selvaġġa. Meta naqra l-ġurnali minn fuq l-internet fuq ċerti temi, nieħu gost nara l-kummenti tan-nies, imma ħlief tgħajjir u insulti ħafna drabi ma tarax speċjalment meta t-tema tkun politika. Meta t-tema ma tkunx politika, din tiġi politiċizzata. Barra minn hekk tara u tisma ħafna diskussjonijiet li fuq ix-xandir Malti li minflok jedukaw u jinformaw lit-telespettari u lis-semmiegħa, jiffomentaw il-mibegħda, l-ġudizzju fuq l-ieħor, konklużjonijiet bla bażi.

Sfortunament dan qiegħed iwaqqa’ it-tjubija u l-innoċenza li biha jitwieled l-bniedem u għalhekk, l-adulti b’din l-attitudni qegħdin iħallu dell negattiv fuq l-iżvilupp tal-bniedem billi jkunu influwenza negattiva fuq dawk li għadhom jikbru. Tajjeb li nitkellmu fuq drittijiet tal-bniedem u tat-tfal u l-abbuż iżda l-akbar dritt li qiegħed jiġi mkasbar huwa li l-bniedem għandu jiġi rispettat f’kull ċirkostanza. It-tpattija u l-akkużi huma mġieba negattiva li tkisser l-istima tal-bniedem u tneħħi kull aspett li jagħmel is-sbuħija tal-bniedem li jirraġuna u jista’ jkun oġġettiv.

L-istima u l-valur tal-bniedem jikbru bil-pożittivita’ u bit-tfittxija għal soluzzjonijiet li juru l-kreattivita’ tal-bniedem. Li tkun pożittiv jfisser :

  1. Li ħares lejn l-opportunitajiet ta’ kull sitwazzjoni aktar milli lejn dak li jxekkel;

  2. Li tfittex it-tajjeb għax f’kull ħaġa jew sitwazzjoni hemm xi ħaġa tajba;

  3. Li tkun dispost li tisma’ aktar milli tattakka;

  4. Li tkun lest li tirrispetta aktar milli tiddefendi;

  5. Li tkun hemm biex tgħin aktar milli tfixkel;

  6. Li tkun lest li taħfer u tagħraf x’inhu l-aħjar aktar milli tpatti.

U nispiccaw b’dak li tgħid Helen Keller: ‘L-aqwa u l-isbaħ affarijiet fid-dinja la tista’ tmisshom u lanqas tarahom – trid tħosshom b’qalbek’